





L-Ambjent u Inklussivita
Proposta Moviment Soċjali Indipendenti ResidentiBeltin – 12/09/2021 © (Digital & Published Rights)
01) Il-Kunsill taħt il-Partit ResidentiBeltin ikun kommess biex bil-ħidma tiegħu jipprovdi aktar arja safja, fi ġlieda kontra t-tibdil tal-klima biex b’hekk jipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar lejn ir-residenti u l-viżitaturi.
02) Neliminaw il-possibbiltà li jinħolqu 'no go zones' u 'ghetto areas'.
03) Jiġu proposti iktar siġar li jipprovdu livell għoli t’ossiġnu u dell, ġonna tal-komunità u iktar spazji pubbliċi fejn dawn ikunu possibbli. Tiġi proposta wkoll iktar ħidma favur l-inklussività u l-ambjent mingħajr ma neliminaw dak li diġà għandna.
04) Bħala parti mis-serħan tal-moħħ għar-residenti, il-Kunsill ikun responsabbli jieħu azzjoni kontra ż-żunżan perikoluż magħruf bħala Żunżan Bagħal (Oriental Hornets). L-azzjoni neċessarja hija propju riċerki biex titneħħa kull bejta – inwaqqfu l-problema mis-sors.
05) Ħafna wegħdiet u kliem sabiħ rigward it-tnaqqis ta' polluzzjoni fil-Port il-Kbir li jaffettwa l-Belt Valletta u l-Furjana, kif ukoll żoni oħra tal-madwar iżda fil-verità xejn m'hu qiegħed issir sa biex il-Cruise Liners ibiddlu s-sistema hekk kif kienet ġiet imwegħda. Wasal iz-żmien li nipproteġu saħħitna, hekk kif l-Awtoritajiet, Gvernijiet, Oppożizzjoni, Kunsilli urewna li ma jimpurtahomx billi baqgħu passivi, ma hadux azzjoni konkreta b'risq saħħitna u dik tal-għeżież tagħna - Wasal iz-żmien li kull Awtorita żżomm kellmitha u terfa' responsabbiltà.
Skart, indafa u riċiklaġġ
01) Naraw li jkun hemm ħsieb biex l-iskipps taż-żibel ma jitpoġġew taħt it-twieqi ta’ ħadd u ma jostakolawx l-aċċess tan-nies. Naraw ukoll li dawn l-iskipps ikunu mnaddfa u miżmuma fi stat tajjeb, u jinżamm monitoraġġ tajjeb tagħhom.
02) Laned għall-ħmieġ tal-iskart tal-annimali u skipps riċiklabbli huma ferm essenzjali madwar il-lokalità biex ir-resident ikollu l-kumdità biex ikun jista’ jirriċikla mingħajr restrizzjoni jew limitazzjoni ta’ ħinu u ma jispiċċax immultat. Tiġi mħarsa wkoll il-kwistjoni tal-ħġieġ biex b’hekk jitnaqqas il-ħġieġ barra fit-toroq.
03) It-trash bins ċentrali li tneħħew għandhom jiġu lura fil-postijiet oriġinali tagħhom. Nitolbu li jiġu installati trash bins ġodda ħdejn iż-żoni storiċi u residenzjali. Bħala soluzzjoni primarja biex jiġu eliminati l-inkonvenjenzi kkawżati minn deċiżjonijiet ħżiena preċedenti, se naħdmu biex nirduppjaw ir-rotot taż-żibel matul ċerti jiem. Se tiġi pprovduta laqgħa kollettiva mal-maġġoranza tar-residenti.
04) Aktar minn hekk, naqblu mal-liġi diġà eżistenti li għal kull akkomodazzjoni turistika – però nżidu li dawn ikunu marbuta legalment b’kollettur privat tagħhom stess – għandu jsir monitoraġġ frekwenti mill-awtoritajiet biex jiġi vverifikat li dan is-servizz privat verament jeżisti u li verament qiegħed jintuża. Dan jinkudi wkoll stabbilimenti u ristoranti ta’ kull proporzjon, inkluż dawk kbar. Il-ħinijiet ta’ ħruġ u ġbir tagħhom għandu jsir f’ħinijiet differenti minn dawk tas-sistema ta’ ġbir ieħor, biex b’hekk nevitaw ammonti kbar fit-toroq u bankini tal-lokalità.
05) Negozji żgħar li ma jirriproduċux ammont ta’ skart konsiderevoli jkunu eżentati milli jqabbdu servizz privat, iżda dejjem taħt it-termini ta’ seperazzjoni u riċiklaġġ ta’ skart.
Eżempju ta’ proposti oħra, miġburin minn diversi residenti:
Skart residenzjali
Ħin tal-ħruġ tal-iskart: 5am-7am
Ħin ta’ siegħa biex jiġi evitat traffiku kmieni minn barra: 7am-8am
Ħin tal-ġbir: 8am-9am
Skart kummerċjali
Ħruġ ta’ skart: 9.00am-9.30am u 6.00pm-6.30pm
Ħin tal-ġbir: 10am-11am u 7pm-8pm
* Ħin biżżejjed biex jiġi evitat ir-rush hour ta’ wara nofs in-nhar, speċjalment għar-residenti u l-istudenti biex jirritornaw lura d-dar.
Wara l-introduzzjoni tas-sistema tal-kollettur privat, nemmnu li l-iskart kummerċjali jrid jinħareġ biss ftit minuti qabel il-ġabra mill-kollettur privat; b’komunikazzjoni u qbil bejn żewġ entitajiet li jaslu għall-ġid lejn ħidma biex it-toroq u l-passaġġi ma jiġux maħkuma minn skart eċċessiv għal tul ta’ ħin.
Ġurnata waħda matul il-ġimgħa – jew ġurnata waħda matul il-weekend – għar-residenti, se tiġi pprovduta rotta doppja għall-borża s-sewda. Din il-proposta tippermetti rimedju għal kull resident li jista’ jkollu familja kbira, jew tilef skeda filgħodu minħabba xogħol jew jekk qatt kellu xi tip ta’ emerġenza.
*Kull proposta tiġi ssolidifikata u mtejba la darba l-Kunsill, taħt it-tmexxija tagħna, isejjaħ laqgħat pubbliċi mar-residenti.