Aqbeż għall-kontenut
ResidentiBeltinResidenti L-Ewwel.

ResidentiBeltinAvviżi Legali 161 u 163: Meta r-regolament jibda jbiegħed ir-residenti

AVVIŻI LEGALI 161 U 163: META L-LIĠI SSIR MEZZ BIEX TKEĊĊI R-RESIDENTI

Aħseb ftit fil-persuna li tgħix f’dawk it-toroq. L-anzjan li ma jistax jorqod. Il-mara tqila li s-serħan tagħha sar lussu. Il-pazjent li ġej mis-sessjoni tal-kimoterapija u jsib l-amplifikazzjoni tal-mużika tħabbat mal-ħġieġ mill-11:00pm sat-1:00am (u ġieli oltre). Dawn mhumiex ċifri. Huma l-ġirien tagħna.

Mindu daħlu l-Avviżi Legali 161 u 163 tal-2022, dawn in-nies ġew mitluba jġorru l-piż ta’ belt li nbidlet f’salott ta’ divertiment. U aħna, fi ħdan ResidentiBeltin, ilna sa mill-ewwel jum nitolbu ħaġa waħda: ir-revoka. Mhux sostituzzjoni. Mhux “bilanċ” ġdid. Revoka.

MISTOQSIJA LI QATT MA ĠIET IMWIEĠBA

Jekk il-mużika tista’ tibqa’ sat-1:00am sakemm tibqa’ “moderata”, min jiddefinixxi moderata? Min ikejjilha? Min jinforzaha? U x’jiġri meta resident jiġi disturbat, lejl wara lejl, u ħadd ma jieħu azzjoni?

Konna tant lesti li nsibu soluzzjoni li xtrajna b’flusna stess żewġ decibel meters iċċertifikati u offrejnihom b’donazzjoni lill-Pulizija, biex l-istorbju jkun jista’ jitkejjel b’mod oġġettiv. Id-donazzjoni ġiet miċħuda. Identifikajna waħda mill-problemi, ħallasna għas-soluzzjoni, u xorta ntlaqna b’bieb magħluq. L-ebda membru elett tal-Kunsill ma ħareġ għonqu daqshekk. Aħna, iva.

F’ilment formali ktibna: “Ġiet imposta fuqna mekkaniżmu - minghajr il-kunsens tghana, minghajr konsultazzjoni, minghajr permess tghana ir-residenti mċaħħda minn gustizzja li ghandna dritt sagro sant bhala residenti”

META R-REGOLAMENT ISIR TKEĊĊIJA

Aħna ngħiduha kif narawha. Dawn l-avviżi qed jaħdmu bħala mekkaniżmu ta’ tkeċċija. Sew jekk kien maħsub hekk u sew jekk le, ir-riżultat hu wieħed: qafas mingħajr infurzar ikeċċi lin-nies bil-mod. In-negozju jespandi. L-istorbju jiżdied. Ir-resident jilmenta, u jilmenta, u jilmenta. L-awtorità titfa’ r-responsabbiltà band’oħra. U fl-aħħar, min jiflaħ jitlaq, u min ma jiflaħx jitlaq jibqa’ jbati.

L-ebda ordni ta’ żgumbrament ma tinħareġ. Iżda r-resident xorta jiġi mkeċċi, b’iljieli bla rqad, b’ħajja li ssir insostenibbli ġo daru stess. Meta belt titlef lin-nies tagħha ħaġa ħaġa, dik mhijiex kumbinazzjoni. Dik hi l-konsegwenza ta’ għażliet.

U dan mhux ilment tagħna biss. Fl-2017 diġà nstab li l-mużika fi Strait Street kienet qed tilħaq id-doppju tal-limitu tal-WHO. Saħansitra l-għaqda tal-operaturi tal-lukandi u r-ristoranti (MHRA) nnifisha talbet fl-2022 biex dawn l-avviżi jiġu sospiżi. U f’Marzu 2026, l-Ombudsman stqarr li n-nuqqas tal-Istat li jrażżan l-istorbju kummerċjali jista’ jkun ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u sejjaħ għal infurzar “kredibbli”. Dan hu dritt uman, imħares mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea.

FEJN KIENU L-MEMBRI ELETTI?

Din hi l-mistoqsija li tibqa’ terġa’ lura.

Aħna ktibna l-ittri. Aħna xtrajna l-apparat. Aħna organizzajna l-protesti. Aħna ressaqna l-ilmenti formali. Aħna tajna x-xhieda fil-qorti. Għamilna dan kollu bħala residenti, bil-ħin tagħna u bi flusna.

Fl-2022, l-Oppożizzjoni fil-Kunsill wiegħdet li twaqqaf task force kontra l-istorbju. Qatt ma twettqet.

L-ebda membru elett, la kunsillier u lanqas Membru Parlamentari, qatt ma ħadem daqsna biex dawn l-avviżi jiġu revokati. Ħadd minnhom ma beda petizzjoni. Ħadd ma ressaq mozzjoni fil-Kunsill. Ħadd ma organizza protesta. Ħadd ma ħa l-kwistjoni l-qorti. Kellhom kull riżorsa, kull pjattaforma, kull għodda. Ma użaw l-ebda waħda. La dakinhar u lanqas illum. U dan is-skiet, aħna narawh għal dak li hu: abbandun tal-komunità li ġew eletti biex jipproteġu.

Din hija nota ta’ ResidentiBeltin. Aqsam din il-paġna flimkien mal-indirizz tal-web tagħha.